LINJI-GWIDA GĦAL MIN JANIMA L-QUDDIES TAL-FUNERAL FIS-SANTWARJU

Dawn il-linji-gwida huma bbażati fuq il-prinċipji tal-Liturġija tal-Knisja u qed jiġu applikati għall-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar li jkollha numru kbir ta’ funerali fis-sena.

1. Il-quddiesa tal-funeral, anke jekk ma tkunx tal-ħin, trid tkun iggwidata mill-prinċipji li jirregolaw il-quddies l-ieħor, għalhekk ma jkunux jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għaliha.

2. L-iskop tal-mużika u l-kant fil-quddiesa mhux skop fih innifsu, iżda li jgħin lillkongregazzjoni preżenti “titlob aħjar”. Noqgħodu attenti, għalhekk, li l-mod kif isir il-kant u l-innijiet li jintgħażlu jgħinu u mhux ifixklu biex (a) il-Kelma t’Alla u (b) tTalba Ewkaristika jibqgħu jieħdu l-post ċentrali fil-quddiesa.

3. Għandhom dejjem jintgħażlu innijiet liturġiċi. Għalhekk, mhux permess jitkantaw innijiet profani, anke jekk dawn ikollhom il-kliem mibdul u li jista’ jidher bħala
reliġjuż.

4. Lanqas jistgħu jitkantaw innijiet sportivi jew ta’ xi natura oħra bħal You raise me up! għax naħsbu li għandhom kliem adatt. Lanqas jistgħu jitkantaw kanzunetti profani li jkunu jogħgbu lill-mejjet/mejta f’ħajjithom u forsi jkunu talbuhom.

5. Ma jitkantawx il-Mulej, ħniena (Kyrie), Qaddis (Sanctus), Missierna, Ħaruf t’Alla (Agnus Dei), imma jiġu reċitati.

6. Għandhom jiġu evitati innijiet reliġjużi bl-ingliż, sakemm ma jkunx hemm xi talba speċifika mill-qraba tal-mejjet/mejta minħabba l-kultura Ingliża li jkunu mrobbijin fiha. Għandna repertorju wiesa’ biżżejjed ta’ innijiet bil-Malti minn fejn nagħżlu.

7. F’każ ta’ diffikulta’ fl-għażla tal-innijiet, għandu dejjem jiġi kkonsultat l-Arċipriet (79274587).

8. Fl-akklamazzjoni ta’ wara l-Konsagrazzjoni trid titħabbar il-mewt il-qawmien u anke ttieni miġja tal-Mulej. L-aħjar jintużaw it-3 akklamazzjonijiet li nsibu fil-Missal Ruman: Inħabbru l-mewt…, Kull darba li nieklu…, Salvana Int… L-aħjar jintuża t-ton Gregorjan ħalli n-nies tippartecipa. Dak il-ħin m’għandhomx jintużaw innijiet ta’ adorazzjoni bħal: Erfa’ għajnejk…, Ninxteħtu fl-art bil-qima…, Inti O Alla… u oħrajn. 

9. Meta jintuza synthesiser għandu jintuża’ bit-ton ta’ “orgni” tal-knisja.

10. Jekk ikunu se jitqegħdu speakers fil-knisja dawn għandhom ikunu ta’ qies moderat, b’volum normali u ma jitqegħdux fuq il-presbiterju tal-knisja. Ma ninsewx, issound għandu jgħin fil-ġabra tal-quddiesa mhux itellifha għax ikun għoli aktar milli suppost. Għalhekk għandu jiġi evitat kant u daqq b’volum għoli.

11. Kull min se jagħti dan is-servizz hu mitlub jiġi l-knisja b’ilbies deċenti.

12. Ħadd m’għandu jqassam jew iħalli business cards jew b’xi mod jagħmel propaganda ta’ xogħlu fil-knisja.

13. Nirringrazzjak jekk timxi ma’ dawn il-linji-gwida ħalli b’hekk, il-quddiesa tal-funeral issir bid-devozzjoni u l-ġabra li jixirqilha. 

Grazzi ħafna. L-Arċipriet – Lulju 2018