Settembru 2015

Dan ix-xahar nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar iż-żwieġ u l-familja. Fis-Sagrament taż-Żwieġ il-koppja għandhom l-għajnuna tas-Sema. Huma jirċievu l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla li jagħmilhom sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin.

Il-koppja jridu jaħdmu għaż-żwieġ tagħhom kuljum. Huma jridu jġeddu kuljum l-impenn tagħhom għal xulxin; jridu jġeddu kuljum l-“iva” tagħhom għal xulxin, u hekk il-familja tagħhom tikber fl-imħabba ta’ Alla fuq il-mudell tal-familja ta’ Nazaret.

Il-koppja tikber fl-imħabba bejniethom permezz ta’ relazzjoni ħajja ma’ Alla; permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjeta; permezz ta’ djalogu ħaj bejniethom; permezz tar-rispett lejn l-ideat ta’ xulxin; permezz tas-support lil xulxin; permezz tal-maħfra ta’ xulxin; u billi jirbħu d-diffikultajiet ta’ bejniethom b’għaqal u b’umilta.

Il-vokazzjoni tal-miżżewġin insara mhux faċli tgħixha fiż-żminijiet tal-lum. Il-vokazzjoni tal-imħabba hija xi ħaġa tal-għaġeb, hija l-unika forza li għandha l-qawwa tibdel id-dinja. Meta l-miżżewġin jgħixu l-imħabba tagħhom għal xulxin b’mod awtentiku, isiru “Vanġelu ħaj”, isiru “knisja domestika”.

Kemm jista’ jkun għandna naħdmu fuq il-problemi qabel iż-żwieġ. Lil dawk li ser jiżżewġu għandna ngħinuhom biex jidħlu għall-impenn taż-żwieġ b’deċiżjoni għaqlija u matura. L-għażla li jiżżewġu trid tkun frott l-imħabba lejn xulxin, frott ir-riflessjoni ta’ flimkien u frott rieda soda u dejjiema.

Fl-għerusija u fiż-żwieġ, il-koppja għandhom jagħtu prijorita li jkunu nies awtentiċI u ġenwini; moħħhom m’għandux ikun f’dak li ser ikollhom imma f’dak li tassew jibnihom bħala koppja li jħobbu lil xulxin.

B’dawn ir-riflessjonijiet quddiem għajnejna nkomplu nitolbu għal dawk kollha li qed jitħejjew għaż-żwieġ u għall-miżżewġin kollha.

 

assumption-of-the-virgin-1580

Awwissu 2015

assumption-of-the-virgin-1580

Fil-Verġni Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, nilmħu lil Alla ilibbes lill-bniedem b’dik is-sbuħija li biha kien żejnu fil-ġnien tal-Għeden. Il-festa tal-Assunta għandha messaġġ qawwi li jgħin lill-bniedem jagħraf li hu maħluq xbieha ta’ Alla. Meta Ommna Marija telgħet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, fil-persuna ta’ Marija t-Trinità Qaddisa kienet qed tilqa’ lill-bniedem sħiħ u lil kull bniedem. Għax Alla ħalaq il-bniedem “xbieha tiegħu” biex jgħix għal dejjem. Bil-qawwa ta’ Kristu Feddej il-bniedem jista’ jipparteċipa minn din ir-rebħa assoluta fuq il-mewt u jgħix għal dejjem.

Jekk Alla huwa sabiħ, il-bniedem maħluq xbieha tiegħu suppost jirrifletti dak il-ġmiel ta’ Alla u dik l-armonija li hemm f’Alla. Imma l-bniedem fid-dgħufija tiegħu jirribella kontra Alla u jitfa’ wara spallejh dak il-ġmiel biex ixidd libsa oħra: natura umana mwaqqgħa fid-dnub. Ta’ spiss, il-bniedem jagħżel illi jmur kontra l-proġett u r-rieda ta’ Alla.

L-esperjenza rrakkontata fil-Ġenesi mhix esperjeza limitata għal Adam u Eva biss. Tista’ tkun l-esperjenza tagħna lkoll. Il-libertà li żejjinna biha Alla nistgħu nużawha ħażin. Nistgħu nirribellaw kontra l-ħsieb u l-proġetti ta’ Alla. Jekk nagħmlu din l-għażla, inkunu qegħdin ninżgħu l-ġmiel u niċċappsu bit-tebgħa tad-dnub. Id-dnub huwa kull kruha li hemm fil-ħajja individwali, fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja tal-Knisja.

Fl-Għeden il-bniedem mhux biss neża’ l-ġmiel li libbsu Alla, imma neżża’ wkoll lil ħutu l-bnedmin. Kajjin neħħa l-ħajja ta’ ħuh Abel u għamel ġerħa lill-familja tiegħu. Il-ġmiel jirrifletti ruħu meta hemm ħajja komunitarja, meta hemm l-għaqda bejn l-aħwa. Meta l-ispirtu komunitarju fil-ħajja soċjali, familjari u fil-ħajja tal-komunità nisranija jkun imkisser, dan ikun ta’ dannu serju hafna, għaliex inkunu qegħdin intebbgħu l-ġmiel tal-poplu ta’ Alla – inkunu qegħdin ninżgħu minn dan is-sebħ ta’ Alla li jidher b’mod qawwi fl-Assunta.

Nixtieq nieħu l-okkażjoni tal-festa tagħna biex minn qalbi nirringrazzja lis-saċerdoti li jagħtu s-servizz tagħhom fil-parroċċa tagħna. Irrid ngħid grazzi kbira lil dawk kollha li, min f’qasam u min f’ieħor, jgħinuna fil-ħidma pastorali. Għandna wkoll persuni, fosthom ħafna anzjani u morda, li jitolbu kuljum għall-komunità tagħna u għall-ħidma li titwettaq fil-parroċċa. Anke lil dawn nixtieq ngħidilhom grazzi minn qalbi u nwegħidhom it-talb tiegħi.

Irrid nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li jagħtu xi servizz fil-knisja jew fil-gruppi u l-kummissjonijiet tagħna. Grazzi wkoll lil dawk li jgħinu l-komunità tagħna billi jagħmlu xogħlijiet ta’ siwi kbir is-sena kollha. Grazzi lill-benefatturi kollha. Minn qalbi nixtieq festa ta’ ferħ u paċi lil kulħadd. Ġesù jbierek lilkom u l-familji tagħkom.

 

Love-Like-Jesus-button_001

Lulju 2015

Beda s-sajf u s-sħana bdiet ukoll. F’dawn il-jiem, s-sħana qisu taqtgħalna qalbna aktar malajr mis-soltu. Fis-sajf irridu “break”. Dan il-“break”, xi kultant, neħduh anke fil-prattika tal-ħajja nisranija tagħna. Jista’ jiġri li fis-sajf nintelqu anke fl-affarijiet ta’ Alla.

Fis-sajf, xi wħud ma jattendux għall-Quddiesa tal-Ħadd għax jgħidu li ma jifilħux għas-sħana li jkun hemm fil-knisja. Xi wħud oħrajn, is-Sibt filgħaxija jibqgħu barra sa tard bil-lejl u l-għada jqumu tard u ma jkollhomx ħin għal Quddiesa.

Fis-sajf, ħafna minna jkollna żmien ta’ vaganzi: insiefru jew immorru f’xi post ħdejn il-baħar biex ninsew ftit ix-xogħol u l-impenji l-oħra. Dan huwa tajjeb; imma xi wħud, fi żmien il-vaganzi, jinsew anke lil Alla.

Għalina l-insara, il-Quddiesa tal-Ħadd tibqa’ dejjem laqgħa importanti ħafna: il-laqgħa tagħna ma’ Ġesu u ma’ xulxin. Il-Quddiesa tal-Ħadd hija l-laqgħa tagħna lkoll li nemmnu f’Ġesu biex niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesu mill-mewt u l-ħajja ġdida li tana Ġesu. Dan nagħmluh permezz tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u bit-Tqarbin.

Għal ħafna minna, il-Quddiesa tal-Ħadd hija l-uniku kuntatt mal-Kelma ta’ Alla u mal-Ewkaristija. Meta xi ħadd ma jattendix għall-quddiesa tal-Ħadd għal darba, tnejn jew iżjed, ikunu għaddew ġimgħat sħaħ mingħajr kuntatt ma’ Ġesu preżenti fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija.

Hija ħasra li, filwaqt li Ġesu jħobbna ħafna, aħna nwarrbuh mal-iċken diffikulta li niltaqgħu magħha jew insibu ħafna skużi biex ma mmorrux għall-Quddiesa. Hija ħasra li fi tmiem is-sajf tisma’ tfal jgħidulek li matul is-sajf ma jkunu ġew qatt il-knisja.

Ejjew ma nħallux is-sajf ibegħedna minn Ġesu. Nappella lill-ġenituri kollha biex, matul is-sajf, mhux biss huma jattendu għall-Quddiesa tal-Ħadd, imma jaraw ukoll li wliedhom tfal u żgħażagħ jibqgħu qrib ta’ Ġesu permezz tal-quddiesa.

Il-ġenituri għandhom iħajru lil uliedhom, li fis-sajf ma jkollhomx skola u studju, anke għall-Quddiesa ta’ kuljum. Il-Quddiesa ta’ kuljum tagħti sens ġdid lill-ħajja tagħna.

Fr Lino

Love-Like-Jesus-button_001

 

Ġunju 2015

Nhar it-3 t’April ta’ din is-sena, Dun Ġużepp Brincat, saċerdot li jagħti s-servizz tiegħu fil-parroċċa tagħna, ċċelebra l-50 anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Wieħed mill-parroċċa tagħna 50 sena ilu sar saċerdot u dan huwa ta’ ferħ kbir għalina lkoll. Minn qalbna nifirħu lil Dun Ġużepp u nitolbu għalih.

Illum ħafna jitkellmu minn kriżi fl-identita tas-saċerdot, jiġifieri, donnu mhux ċar għalihom min hu dan il-bniedem u x’inhu l-iskop tiegħu. Xi drabi s-saċerdot innifsu jsibha diffiċli jifhem lilu nnifsu. U tabilħaqq, f’ċertu sens, is-saċerdot jibqa’ dejjem “misteru”. San Ġwann Marija Vianney jgħid li “kieku s-saċerdot kellu jifhem lilu nnifsu kien imut, mhux bil-biża’ imma bl-imħabba”.

Mela min hu s-saċerdot? L-Ittra lil-Lhud tgħidilna li s-saċerdot huwa “meħud minn fost il-bnedmin u hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla” (Lhud 5, 1). Hawnhekk il-Kelma ta’ Alla qed tgħidilna tliet affarijiet important ħafna.

L-ewwelnett, is-saċerdot hu ”meħud minn fost il-bnedmin”. Dan ifisser li hu ukoll hu bniedem, u għalhekk “hu dak li jista’ jagħder ‘il dawk li ma jafux u jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħjufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu ukoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu” (Lhud 4, 2-3). San Ġwann Marija Vianney jgħidilna: “ Mur qerr għand il-Verġni Mbierka jew għand xi anġlu; dawn jistgħu jaħfrulek dnubitek? Le. Il-Verġni Mbierka ma tistax tniżżel lil Binha Divin fl-Ostja. Jista’ jkun hemm mitejn anġlu, imma dawn ma jistgħux jaħfrulek dnubietek. Saċerdot, ikun kemm ikun sempliċI, jista jagħmel dan”.

L-Ittra lil-Lhud tkompli tgħidilna li s-saċerdot “hu mqiegħed għall-bnedmin”. Dan ifisser li hu ġie magħżul minn Alla mhux għas-servizz tiegħu nnifsu, biex ikun sewwa hu, imma biex ikun għall-qadi tal-oħrajn, bħal Kristu li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajjtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10, 45). San Ġwann Marija Vianney jgħidilna: “Is-saċerdot mhuwiex saċerdot għalih innifsu. Hu ma jaħfirx id-dnubiet tiegħu stess; ma jamministrax is-sagramenti lilu nnifsu. Hu mhuwiex għalih innifsu; huwa għalik”.

Iżda dan il-qadi tas-saċerdot, tkompli tgħidilna l-Ittra lil-Lhud, huwa “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla”. Dan ifisser li s-saċerdot irid jaqdi l-ewwel u qabel kollox fl-affarijiet qaddisa: fir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla. Għax is-saċerdot, kif jgħid ukoll San Pawl, huwa “ministru ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla” (I Kor 4, 1); huwa “bniedem ta’ Alla” (1 Tim 6, 11) u “ambaxxatur ta’ Kristu” (2 Kor 5, 20). Jgħidilna San Ġwann Marija Vianney: “Min qiegħed lil Kristu fit-Tabernaklu? Is-saċerdot. Min kien dak li rċieva lil ruħek malli int twelidt? Is-saċerdot. Min iħejjiha biex tidher quddiem Alla billi jaħsilha għall-aħħar darba fid-demm ta’ Kristu? Is-saċerdot, dejjem is-saċerdot. U meta r-ruħ tasal fil-waqt tal-mewt, min iqajjimha, jerġa’ jġibilha l-kalma u l-paċi? Is-saċerdot. Ma nistgħux naħsbu f’barka waħda li ġejja minn Alla, mingħajr ma nsibu x-xbieha tas-saċerdot imwaħħda magħha”.

Dan kollu s-saċerdot jgħixu f’għaqda ma’ Kristu, li waħdu hu l-Qassis il-kbir u ta’ dejjem. Inħeġġiġkom ħafna tgħinu lis-saċerdoti bit-talb tagħkom ħalli huma jgħixu bil-fedelta l-ministeru tagħhom u jkunu qaddisa f’kull aspett tal-ħajja tagħhom.

 

10 Anniversarju web poster

Mejju 2015

Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, l-istess bħall-esperjenza tad-dehriet ta’ Ġesu wara l-Qawmien, kienet esperjenza ta’ fidi u ta’ ferħ għall-preżenza mġedda ta’ Ġesu wara l-mewt tiegħu, fil-komunita ta’ dawk li tant kien iħobb.

Filwaqt li San Ġwann jgħidilna li kienu bil-bibien magħluqa, San Luqa jgħidilna li kienu lkoll flimkien f’post wieħed. Iż-żewġ espressjonijiet juru komunita mbeżżgħa u magħluqa fiha nfisha. Kull komunita li m’għandhiex l-Ispirtu ta’ Ġesu bilfors tibża’ quddiem il-kobor tal-missjoni u l-isfidi tad-dinja. Il-biża’ ma jħallix il-komunita’ toħroġ minnha nfisha, tiddjaloga, tagħti xhieda u twettaq il-missjoni li Ġesu fdalha f’idejha.

Iżda l-preżenza ta’ Ġesu’ rxuxtat u n-nifs tal-Ispirtu s-Santu tawha ħajja, saħħa u enerġija liema bħalha. Ilsna qishom tan-nar tqassmu fuq kull wieħed minnhom, riħ qawwi xeħethom ’il barra u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. Fost dawk li semgħuhom, seħħet b’mod tal-għaġeb l-għaqda tal-ilsna li kienet intilfet f’Babel (Ġen 11, 1-9): “Aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla”.

Dak li ġara fil-fatt kien li dakinhar grupp żgħir ta’ nies kienu ġarrbu u ħassew fihom is-salvazzjoni, il-ħelsien, il-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem, il-qawwa u l-ħajja ġdida li ġabilna Ġesu’. Ġesu’ kien daħal f’ħajjithom, għamilhom tiegħu. Ġesu’ kien fihom, qrib tagħhom, wisq aktar minn meta kienu jarawh b’għajnejhom. Il-ġemgħa tad-dixxipli ta’ Ġesu’ kienet saret il-Ġisem ġdid tiegħu: “Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12, 13).

Bejniethom ilkoll kien hemm ħajja waħda, il-ħajja ġdida ta’ Ġesu Rxoxt: “Hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor” (Rum 12, 5). B’differenza minn għaqdiet oħra tal-bnedmin, il-membri tal-Komunita Nisranija jaqsmu bejniethom, mhux biss il-ħidmiet u l-iskopijiet tagħhom, iżda l-istess Spirtu: il-ħajja tagħhom stess u saħansitra l-ġid li l-Mulej jipprovdilhom. Jaqblu jew ma jaqblux fil-fehmiet, fin-nisel, fir-razza, jew fil-pajjiż, huma jibqgħu dejjem ġisem wieħed u membri ta’ xulxin: “Il-membri kollha jaħsbu f’xulxin, jekk membru jbati jbatu lkoll miegħu, jekk membru jifraħ jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12, 26).

Permezz tal-Komunita Nisranija, dak li Ġesu kien jagħmel meta kien fostna f’post u fi żmien wieħed, issa jibqa’ jagħmlu fost il-ġnus kollha sal-aħħar tad-dinja. Permezz tal-Knisja Ġesu jibqa jgħix fil-pajjiżi kollha, fl-ambjenti kollha u fiż-żminijiet kollha, jitkellem u jgħallem, jaħdem, ifejjaq, ibati, ixerred is-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin ta’ kull post.

San Luqa, fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, jgħidilna li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Kelma ta’ Alla ħadet il-ġisem u saret bniedem f’Marija. Fil-ġrajja ta’ Pentekoste fl-Atti tal-Appostli, jgħidilna li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu wkoll, il-Kelma ta’ Alla, Ġesu Kristu, tibqa’ tieħu sura dejjem akatr konkreta u ħajja, fil-ħajja ta’ dawk li jiffurmaw il-Ġisem ġdid tiegħu. Din hija l-Knisja ta’ Ġesu Kristu.

Fr Lino

10 Anniversarju web poster

April 2015

Matul żmien il-Għid aħna ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-ewwel komunita nisranija. Il-Knisja titwieled mill-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu. Fil-bidu, il-komunita tad-dixxipli tfittex lil Ġesu ħdejn il-qabar, imma tagħrfu ferħana fil-qsim tal-ħobż.

Marija ta’ Magdala tirrapreżenta l-komunita li għadha ma tistax tifhem l-mewt ta’ Ġesu. Għadha mifxula, ma tafx fejn taqbad tagħti rasha. Tmur tfittex ħdejn il-qabar, il-post tal-mejtin. Quddiem il-qabar vojt, titkellem f’isem il-komunita tad-dixxipli: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh”. Tirrapreżenta lil dawk kollha li jaħsbu li l-qabar hu l-post fejn il-proġett ta’ Alla tfarrak u falla.

“Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni, kif kien għadu d-dlam”. Kien ġa beda l-jum tal-ħolqien il-ġdid, imma għal Marija ta’ Magdala kien għadu d-dlam, kien għadu bil-lejl. Il-lejl, id-dlam, jirrapreżenta d-dinja li ma emmnitx f’Ġesu. Il-komunita nisranija tfittex anzjuża biex issib il-ħajja u l-imħabba, imma xi kultant tfittixhom fejn ma tistax issibhom.

Marija ta’ Magdala tiltaqa’ ma’ Pietru u Ġwanni u tgħidilhom li l-qabar tal-imgħallem tagħhom huwa vojt.  Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru lejn il-qabar. Dawn ukoll jirrapreżentaw il-komunita mifxula. It-tnejn ġrew lejn il-qabar, imma d-dixxiplu l-maħbub (Ġwanni) ħaffef aktar minn Pietru u wasal qablu. Ġwanni tbaxxa u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Pietru, daħal fil-qabar, ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm u l-maktur li kien madwar rasu.

Ġrat xi ħaġa li qatt ma nstemgħet. Imma kien Ġwanni biss li seta’ jifimha u jemminha. Fuq Ġwanni l-Evanġelju jgħidilna: “Imbagħad daħal id-dixxiplu l-maħbub, ra, u emmen”. Nikbru fil-fidi skont kemm inkunu intimi ma’ Ġesu. Ġwanni huwa d-dixxiplu li kien qrib ta’ Ġesu fl-Aħħar Ikla, fil-ħin tal-kundanna tiegħu u sal-mewt tas-salib.

Fit-triq lejn Għemmaws, iż-żewġ dixxipli juruna biċ-ċar kif kienet tinsab l-ewwel komunita dakinhar: imbeżżgħa, mifxula, imxerrda, bla direzzjoni, bla tama u bla messaġġ. Imma Ġesu Rxoxt jersaq lejlhom u jimxi magħhom, ifissrilhom l-Iskrittura, iħeġġilhom qalbhom u jiftħilhom għajnejhom biex jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż u fl-għaqda ta’ bejniethom. Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem u lil sħabhom tawhom l-aħbar li kienu ltaqgħu mal-Mulej.

Ġesu ħall l-irbit tal-mewt. Huwa ħaj. Imiss lilna li nxandru din ir-rebħa lil kulħadd u ngħixuha. Ġesu rebħilna l-ħelsien mid-dnub. Imma rridu nkunu aħna li ngħixu ħielsa mid-dnub u kollna tama fih nimxu warajh. L-Għid it-tajjeb lil kulħadd.

Fr Lino

 

 

Marzu 2015

Fil-Vanġelu ta’ San Mark, l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lid-dinja u l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, jibda b’dan il-kliem: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1, 15). Bid-dehra ta’ Ġesù fid-dinja beda żmien ġdid, iż-żmien tal-grazzja u tas-salvazzjoni.

L-ewwel kliem ta’ Ġesù huwa stedina biex nilqgħu bil-qalb din l-aħbar ġdida, li hija r-realtà nnifisha tas-Saltna t’Alla li hu qed iwassal lil kulħadd. Ġesù mill-ewwel jurina t-triq: din hi li nikkonvertu u nemmnu fil-Vanġelu, jiġifieri li nibdlu ħajjitna mill-qiegħ u naċċettaw il-Kelma t’Alla li permezz ta’ Ġesù tasal għand il-bnedmin kollha ta’ kull żmien.

Il-konverżjoni u l-fidi huma żewġ affarijiet li jmorru flimkien: m’hemmx waħda mingħajr l-oħra; imma kull waħda tinbet fina meta niġu f’kuntatt mal-Kelma t’Alla li hi ħajja, mal-preżenza ta’ Ġesù li llum ukoll itenni lill-folol: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Meta aħna nilqgħu l-Kelma t’Alla u ngħixuha, hi ġġib bidla fil-mod kif naħsbu, jiġifieri konverżjoni. Hi timla l-qalb ta’ kulħadd bis-sentimenti ta’ Kristu quddiem iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, kemm fil-bniedem singolu kif ukoll fis-soċjetà.

Imma l-Vanġelu kif jista’ jagħmel il-miraklu u jibdilna mill-qiegħ, jagħtina fidi ġdida mimlija dawl? Is-sigriet qiegħed fil-misteru li jinsab fi kliem Ġesù. Kliemu mhuwiex sempliċement sett ta’ direttivi jew ordnijiet. Fil-Kelma ta’ Ġesù nsibu lilU nnifsu jkellimna. Kliemu hu Ġesù nnifsu, l-istess persuna tiegħu.

Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù f’Kelmtu. Meta nilqgħuha f’qalbna, kif Hu jridna nagħmlu (jiġifieri meta nkunu lesti li ngħixuha fil-ħajja tagħna) aħna nsiru ħaġa waħda miegħu u Hu jitwieled jew jikber fina. Hu għalhekk li kull wieħed minna jista’ u għandu jilqa’ din l-istedina ta’ Ġesù: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Jista’ jkun hemm min jaħseb li l-Kliem tal-Vanġelu hu għoli u tqil wisq, li hu wisq’il bogħod mill-mod kif is-soltu ngħixu u naħsbu, u għalhekk jitħajjar ma jisimgħux, jew inkella jaqta’ qalbu. Imma dan kollu jiġri jekk naħsbu li l-muntanja tan-nuqqas ta’ fidi rridu nċaqalquha waħedna. Fil-verita huwa biżżejjed li nagħmlu ħilitna u ngħixu Kelma waħda biss mill Vanġelu biex fiha nsibu għajnuna kbira u forza unika, dawl għall-passi tagħna.

Il-Kelma ta’ Alla, li fiha hemm Alla, meta ngħixuha tagħmilna nies ħielsa, issaffina, tibdilna, iġġibilna l-faraġ u l-ferħ, tagħtina l-għerf. Kemm tista’ tkun ta’ dawl għalina din il-Kelma matul il-ġurnata! Kull darba li nħabbtu wiċċna man-nuqqasijiet tagħna jew tal-oħrajn, kull meta jidhrilna li ma jistax ikun li timxi wara Ġesù, kull darba li d-diffikultajiet iħajruna naqtgħu qalbna,  il-Kelma ta’ Alla tista’ tkun għalina mezz li bih nagħmlu l-qalb u nitħeġġu mill-ġdid.

Il-Kelma ta’ Alla titlob minna li noħorġu mill-għeluq tagħna u ninfetħu għal Alla, biex b’hekk inħossu ħajja oħra titwieled fina, il-ħajja vera. Jekk imbagħad naqsmu din l-esperjenza ma’ xi ħabib tagħna, li hu wkoll ikun għażel li jgħix il-Vanġelu bħala r-regola ta’ ħajtu, madwarna naraw tikber il-komunità nisranija. Għax meta ngħixu l-Kelma t’Alla u naqsmuha ma’ ħaddieħor iseħħ miraklu: meta ng]ixuha, l-Kelma ta’ Alla tagħti bidu għall-komunità, komunità li tkun il-ħmira u l-melħ għas-soċjetà, u li tagħti xhieda għal Kristu kullimkien.

Fr Lino

 

Frar 2015

Flimkien mal-Knisja kollha, dan ix-xahar nibdew ngħixu r-Randan Imqaddes. Dan huwa żmien li fih, aktar mis-soltu, nirriflettu dwar il-ħajja nisranija tagħna. Ta’ spiss, aħna naħsbu li nafu lil Ġesu, iżda fil-verita’ ma nafuhx: naħsbu li nkunu mexjin warajh, imma nkunu mexjin wara l-ideat u l-gosti tagħna. Għalhekk il-Vanġelu l-ħin kollu jġegħelna nistaqsu: Min hu Ġesu? Min hu d-dixxiplu ta’ Ġesu?

Ir-Randan irid jgħinna neżaminaw il-fidi tagħna: kemm għandna fidi awtentika; kemm hi koerenti mal-Vanġelu; kemm tassew ħarġitna mill-allat foloz tagħna; u fuq kollox, kemm il-fidi tagħna  qed titfagħna f’mixja sal-aħħar wara Ġesu. San Pawl kellu l-kuraġġ jgħid: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet… Waqt li ninsa ‘l ta’ warajja kollu niġri l-quddiem…“ (Fil 3, 10-14).

Fil-bidu tal-Vanġelu naqraw il-Kliem ta’ Alla l-Missier fuq Ibnu Ġesu: “Dan hu Ibni l-għażiż” (Mk 1, 11). Lejn l-aħħar tal-Vanġelu nsibu ċ-ċenturjun pagan li jistqarr: “Dan il-bniedem kien tassew l-Iben ta’ Alla” (Mk 15, 39). Bejn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet hemm il-missjoni ta’ Ġesu u t-triq iebsa tas-salib. Din hija t-triq li jrid jimxi kull dixxiplu li jieħu ‘l Ġesu bis-serjeta.

Matul ir-Randan inħallu lil Ġesu jaqlagħna mis-sigurtajiet foloz tagħna. Ġesu jkeċċi l-bejjiegħa u jsaffi t-tempju tiegħu, li hu aħna. Ġesu jrid jgħinna nkeċċu minna dak kollu li jagħmel mir-reliġjon u l-ħajja tagħna “suq”, biex nibnuha biss fuqu.

Ir-Randan iħeġġiġna biex inġeddu l-għażla tagħna favur Ġesu u l-Kelma tiegħu. Irridu nżommu ħarsitna fuq it-Tempju l-Ġdid ta’ Alla jiddi bl-imħabba tiegħu, il-Ġisem ta’ Kristu Msallab. “Kif Mose refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 14-16).

Ir-Randan għandu jwassalna biex nifhmu t-tifsira tal-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24).

Nistedinkom ngħixu dan ir-Randan b’ħafna mħabba lejn Ġesu u lejn il-Kelma tiegħu u nfittxu li nagħmluha fil-ħajja tagħna.

Fr Lino