Imsiebaħ – 2016 – 1 – Jannar
Imsiebaħ – 2015 – 12 – Diċembru
27-4 ta’ Diċembru 2016
AVVIŻI PARROKKJALI – 2016
Mill-I Ħadd sat-II Ħadd tal-Avvent
(27 ta’ Novembru – 4 ta’ Diċembru)
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent, Sena (A)
Għada l-Ħadd (27) / Illum qed nistiednu lill-familji sabiex iġġibu Girlanda tal-Avvent li ser tarmaw id-dar, sabiex titbierek fil-quddiesa tal-10:00am.
Issa li beda l-Avvent, bl-attivitajiet kollha marbuta mal-Milied, ħejjejnielkom fuljetti bil-programm dettaljat. Nistednukom tieħdu kopja magħkom u tipparteċipaw kull fejn tistgħu.
Qed inkomplu l-Lectio Divina kull nhar ta’ Tlieta, wara l-quddiesa tas-6:00pm. Nistednukom tingħaqdu magħna biex niddiskutu u nirriflettu flimkien fuq il-Vanġelu tal-Ħadd ta’ wara.
Nhar l-Erbgħa (30) s-saċerdoti ta’ Malta kollha għandna laqgħa ta’ talb u diskussjoni, lkoll flimkien mal-Arċisqof, sabiex ikellimna dwar il-viżjoni tiegħu għall-Knisja f’Malta fid-dawl tal-Konverżjoni għall-Pastorali tal-Ħniena. Nitolbukom titolbu kontinwament għal min il-Mulej ipoġġi fit-tmexxija tal-Knisja sabiex isir dixxerniment tajjeb u joħroġ il-frott mixtieq.
Il-Ġimgħa (2) jkollna l-Adorazzjoni tal-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. Is-Sagrament ikun espost skont il-ħinijiet ta’ min jimpenja ruħu u jikteb ismu fir-roster li għandna fis-sagristija. Fil-5:00pm il-Grupp tal-Ħniena Divina jmexxi adorazzjoni. Filgħodu jsir it-tqarbin tal-morda mill-kapillan.
Mill-Ħadd li ġej ilkoll mistiedna nġibu punsjetta l-knisja. Din se tkun qed tirrappreżenta lilna u l-familji tagħna u fl-istess ħin tkunu qed tgħinu fit-tiżjin tad-Dar t’Alla.
Fil-knisja ntramat l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, li dalwaqt tasal il-festa tagħha. Bħalma tistgħu taraw, din l-istatwa għandha bżonn ta’ restawr u tindifa tajba, bħalma wkoll għandha bżonn ta’ Fatima li narmaw f’Ottubru. Jekk hawn min jixtieq jagħti donazzjoni b’riżq it-tiswija ta’ dawn nistiednu jkellem lill-kappillan.
Waslu r-ritratti u d-DVDs tal-Griżma tal-Isqof. Il-familji ta’ dawk involuti jistgħu jiġu għalihom fl-uffiċċju parrokkjali jew fis-sagristija.
Wasal ukoll il-Flimkien ta’ Diċembru. Miegħu ser jitqassam librett żgħir dwar il-koppja Henry u Inez Casolani li l-kawża biex jiġu dikjarati beati minħabba l-eżempju kristjan fil-ħajja sempliċi taħhom, qed tiġi studjata. Nitlob lil min is-soltu jqassam jidħol fis-sagristija, jieħu n-numru tiegħu u jiffirma ismu.
Nhar il-Ħamis (1) fis-7:30pm fil-Katidral l-Imdina se jittella’ kunċert b’risq id-Dar tal-Providenza mill-Banda tal-Forzi Armati fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Persuni b’Diżabilità taħt il-patroċinju tal-Arċisqof u l-President ta’ Malta. Jitħabbar ukoll ir-rebbieħ tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2016. Dħul b’xejn u aktar informazzjoni minn: Radju RTK – 7949 3923 jew Dar tal-Providenza – 2146 2844 jew email – [email protected]
Il-Fondazzjoni LifeNetwork li tipproteġi l-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil tagħha ser torganizza dimostrazzjoni bid-dawl tax-xema’ bl-isem: “Malta Stand Up for Life” nhar is-Sibt li ġej (3) fil-5:30pm il-Belt Valletta. Jekk ikun hawn biżżejjed li jibbukkjaw fis-sagristija, il-parroċċa torganizza trasport.
Il-Kap ta’ l-iskola tal-Kulleġġ Santa Tereża Primarja B’Kara tixtieq tavża lill-ġenituri tat-tfal li twieldu bejn Jannar u April tal-2014 li qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom (Tel. 21495417).
Imsiebaħ – 2015 – 11 – Novembru
Imsiebaħ – 2015 – 10 – Ottubru
F’Ottubru Nitolbu r-Rużarju
Ottubru huwa xahar iddedikat lil Verġni Mqaddsa Marija. Irressqu quddiem Alla t-talb tagħna bl-interċessjoni ta’ Marija permezz tat-talba tar-Rużarju.
Il-Ħamis 15 t’Ottubru l-Quddiesa tas-6.00p.m. tkun bis-sehem tat-tfal u l-ġenituri fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena kateketika u l-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Wara l-Quddiesa jkollna l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju.
Kappillan Ġdida għall-Parroċċa Tagħna
Monsinjur Arċisqof ħabbrilna min ser ikun il-kappillan il-ġdid tal-parroċċa. Il-kappillan il-ġdid ser ikun Fr Reuben Deguara. Fr Reuben għandu 44 sena u huwa mill-parroċċa tal-Mosta. Ilu saċerdot 18 -il sena. L-aħħar Quddiesa ta’ Fr Lino ser tkun is-Sibt 3 t’Ottubru 2015: dakinhar fis-6.00p.m. niċċelebraw Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla għal 9 snin ta’ ħidma pastorali minn Fr Lino bħala kappillan. Fr Reuben jieħu f’idejh il-parroċċa mill-Ħadd 4 t’Ottubru 2015.
Settembru 2015
Dan ix-xahar nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar iż-żwieġ u l-familja. Fis-Sagrament taż-Żwieġ il-koppja għandhom l-għajnuna tas-Sema. Huma jirċievu l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla li jagħmilhom sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin.
Il-koppja jridu jaħdmu għaż-żwieġ tagħhom kuljum. Huma jridu jġeddu kuljum l-impenn tagħhom għal xulxin; jridu jġeddu kuljum l-“iva” tagħhom għal xulxin, u hekk il-familja tagħhom tikber fl-imħabba ta’ Alla fuq il-mudell tal-familja ta’ Nazaret.
Il-koppja tikber fl-imħabba bejniethom permezz ta’ relazzjoni ħajja ma’ Alla; permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjeta; permezz ta’ djalogu ħaj bejniethom; permezz tar-rispett lejn l-ideat ta’ xulxin; permezz tas-support lil xulxin; permezz tal-maħfra ta’ xulxin; u billi jirbħu d-diffikultajiet ta’ bejniethom b’għaqal u b’umilta.
Il-vokazzjoni tal-miżżewġin insara mhux faċli tgħixha fiż-żminijiet tal-lum. Il-vokazzjoni tal-imħabba hija xi ħaġa tal-għaġeb, hija l-unika forza li għandha l-qawwa tibdel id-dinja. Meta l-miżżewġin jgħixu l-imħabba tagħhom għal xulxin b’mod awtentiku, isiru “Vanġelu ħaj”, isiru “knisja domestika”.
Kemm jista’ jkun għandna naħdmu fuq il-problemi qabel iż-żwieġ. Lil dawk li ser jiżżewġu għandna ngħinuhom biex jidħlu għall-impenn taż-żwieġ b’deċiżjoni għaqlija u matura. L-għażla li jiżżewġu trid tkun frott l-imħabba lejn xulxin, frott ir-riflessjoni ta’ flimkien u frott rieda soda u dejjiema.
Fl-għerusija u fiż-żwieġ, il-koppja għandhom jagħtu prijorita li jkunu nies awtentiċI u ġenwini; moħħhom m’għandux ikun f’dak li ser ikollhom imma f’dak li tassew jibnihom bħala koppja li jħobbu lil xulxin.
B’dawn ir-riflessjonijiet quddiem għajnejna nkomplu nitolbu għal dawk kollha li qed jitħejjew għaż-żwieġ u għall-miżżewġin kollha.
