Edizzjoni Ġdida bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Dan l-aħħar, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat edizzjoni ġdida bil-Malti tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-membri tal-Knisja, u kull min hu interessat dwar it-tagħlim tagħha, ikollhom dan il-ktieb f’idejhom.

L-ewwel edizzjoni issa ilha eżawrita madwar għaxar snin. L-ewwel edizzjoni kienet ippubblikata mill-Arċidjoċesi fl-1993. L-ilsien Malti kien fost l-ewwel sitt ilsna minn madwar id-dinja kollha li bih kien deher il-Katekiżmu, saħansitra qabel l-edizzjoni Ngliża. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ippreżenta din il-ġabra sħiħa tat-tagħlim Kattoliku lill-Knisja Universali fis-7 ta’ Diċembru 1992. Però, xahrejn qabel, fil-11 ta’ Ottubru 1992,  it-tletin anniversarju tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, huwa ffirma l-Kostituzzjoni Appostolika Fidei Depositum li biha huwa nieda l-Katekiżmu. Nhar is-7 ta’ Diċembru 1992, huwa sejjaħ il-Katekiżmu “l-aħħar dokument tal-Konċilju”. F’diskors li kien għamel dakinhar, Ġwanni Pawlu II stqarr li “dan il-kompendju tal-fidi u tal-morali Kattolika huwa don privileġjat, li fih iseħħ konverġenza u fih tinġabar f’sintesi armonjuża l-imgħoddi tal-Knisja, bit-Tradizzjoni tagħha, l-istorja tagħha ta’ smigħ-tħabbir-ċelebrazzjoni-xhieda tal-Kelma, permezz tal-Konċilji tagħha, id-Dutturi tagħha, il-qaddisin tagħha”.

Huwa kompla jgħid li “permezz ta’ ġenerazzjoni wara l-oħra jidwi, b’dan il-mod, u jibqa’ dejjem attwali, il-Maġisteru evanġeliku ta’ Kristu, li għal għoxrin seklu kien dawl għall-umanità. Il-Katekiżmu huwa don għall-illum tal-Knisja. Ir-rabta ma’ dak kollu li huwa essenzjali u ta’ ġieħ fil-Knisja tal-imgħoddi, jippermettilha li taqdi l-missjoni tagħha fl-illum tal-umanità. F’dan it-test awtorevoli, il-Knisja tippreżenta lil uliedha, għarfien imġedded tagħha nnifisha, grazzi għad-dawl tal-Ispirtu, tal-misteru ta’ Kristu, li fih huwa rifless il-ġmiel tal-Missier”.

It-test oriġinali tal-Katekiżmu kien bl-ilsien Franċiż, u miegħu ħarġet, kif kien mistenni, l-edizzjoni Taljana. Sal-aħħar tas-sena 1992, kienu diġà nbiegħu 300,000 kopja fi Franza u f’pajjiżi Frankofoni. Ġewwa l-Italja kien hemm suċċess simili: 200,000 inbiegħu fi tlett ijiem, u 200,000 oħra fi Spanja.

Tajjeb li nfakkru li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kien maqlub għall-Maltin mill-oriġinal Franċiz mill-mibki Monsinjur Ġużeppi Lupi (1914-2000). Huwa ħa b’kollox madwar għaxar ġimgħat biex lestieh. Meta tqis li l-Katekiżmu huwa ktieb ta’ madwar seba’ mitt paġna, irridu ngħidu, mingħajr riżervi, li Monsinjur Lupi għamel xogħol straordinarju: qabel xejn, huwa ħadem waħdu u b’effiċenza kbira; it-tieninett, irridu ngħidu li t-test tal-Katekiżmu huwa wieħed b’ħafna terminoloġija teoloġija teknika u siltiet mill-Bibbja u minn dokumenti tal-Maġisteru. Bil-mod tipiku – u llum kważi leġendarju! – tiegħu, huwa ħadem b’ilsienu barra biex lesta t-traduzzjoni malajr kemm seta’ jkun. Mhux ta’ b’xejn li l-edizzjoni Maltija dehret fl-1993! U konna minn tal-ewwel fid-dinja! Għalkemm kien doveruż li Monsinjur Lupi jiġi kkommemorat fiċ-ċentinarju ta’ twelidu (fit-28 ta’ Settembru li għadda), il-fatt li t-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti tlestiet mill-istampa u bdiet titqassam f’Settembru 2014, jiċċelebra l-memorja ta’ dan is-saċerdot li ħadem fil-kwiet mingħajr daqq ta’ trombi. Naħseb li hu stess kien jippreferi hekk.

Sa madwar għaxar snin wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel edizzjoni, ma kontx bqajt issib tixtri kopja tal-Katekiżmu bil-Malti. Kien hemm bosta familji li diġà kellhom il-kopja tagħhom, biex ma nsemmix il-katekisti madwar Malta u Għawdex. Kien hemm domanda għall-ktieb mill-istudenti, l-aktar dawk tas-Sitt Klassi (Sixth Form) li kienu jagħżlu r-Religjon bħala wieħed mis-suġġetti jew għal-Livell Avvanzat jew għal-Livell Intermedju. L-għalliema tagħhom kienu jipproponulhom it-test tal-Katekiżmu, imma ma kenux isibuh fil-ħwienet tal-kotba.

Kien għalhekk li fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi 2012-2013, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ħadet id-deċiżjoni għaqlija li tidħol għall-ħidma biex ikollna f’idejna edizzjoni ġdida, aktar milli ristampa, tal-Katekiżmu. X’fiha ġdid din l-edizzjoni?

1.     Qabel xejn, l-edizzjoni tal-2014, hija ppreżentata, kif kien id-dmir tal-Knisja li tagħmel u biex tagħti eżempju tajjeb, skont ir-regoli ġodda tal-ortografija għall-ilsien Malti.

2.     L-emendi li l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kienet ħarġet fl-1997 ġew inkorporati fl-edizzjoni l-ġdida. X’inhuma dawn l-emendi? F’Settembru 1997, il-Kongregazzjoni li semmejna ħarġet l-edizzjoni uffiċjali tal-Katekiżmu bil-Latin. Dan it-test il-ġdid kien fih 103 emendi għat-test Franċiż tal-1992. L-iskop tal-emendi kien li dawn jirriflettu aħjar it-tagħlim imġedded ta’ kif il-Knisja tħares lejn ċerti problemi, fosthom il-piena kapitali, il-kontraċezzjoni u l-ippjanar tal-familja, l-użu ta’ teknika moderna fis-saħħa tal-bniedem, u l-esperimentazzjoni fuq l-annimali. Dawn l-emendi kollha ddaħħlu bir-reqqa fil-post rispettiv fejn kellhom jidħlu.

3.     Ir-reviżuri tat-test Malti fittxew li jiflu t-test kollu, kelma kelma, vers vers, paragrafu paragrafu, paġna paġna. Qagħdu b’seba’ għajnejn li t-test rivedut ikun lingwistikament u stilistikament mexxej u nieqes minn ambigwitajiet, l-aktar meta jitwalu s-sentenzi. Hawnhekk irid jerġa’ jingħad li t-traduzzjoni ta’ Lupi kienet waħda eċċellenti, ta’ espert li kien tal-patristika, tal-liturġija u tat-teoloġija in ġenerali, apparti l-għarfien kbir li kellu tal-ilsien Franċiż u tal-ilsien Malti. Però, bħalma dejjem jiġri, l-ebda traduzzjoni ma hi eterna. Mal-medda tas-snin, dejjem ikun meħtieġ li xi ħadd jerġa’ jdurha biex jifliha sew, għax kull ilsien ħaj jibqa’ jiżviluppa fil-mod kif jesprimi ruħu. Ir-reviżuri ħadmu fuq it-test ta’ Lupi, filwaqt li quddiemhom dejjem kellhom il-verżjoni uffiċjali (editio typica) Latina, flimkien mat-traduzzjoni Taljana u dik Ingliża għall-konsultazzjoni f’każ ta’ diffikultà li kienet teħtieġ diskussjoni teoloġika jew riflessjoni aktar approfondita.

4.     In-noti f’qiegħ il-paġna (footnotes) kollha ġew riveduti fl-edizzjoni l-ġdida bil-Malti. L-ismijiet ta’ xogħlijiet patristiċi jew ta’ dokumenti tal-Maġisteru tal-Knisja jew kitbiet tal-qaddisin ġew imfissra billi ġeneralment ġew tradotti għall-Malti, jew spjegati aħjar, p.eż. “Definizzjoni kontra l-Albiġiżi u l-Katari”, jew “Kundanni kontra Oriġene”, jew “… dwar l-istat ta’ ruħ il-bnedmin wara l-mewt”, eċċ. Dejjem saret traduzzjoni tal-ismijiet tad-dokumenti, ħlief fil-każ tad-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u d-dokumenti Maġisterjali tal-Papiet tal-aħħar seklu, liema dokumenti huma diġà magħrufa sew u familjari bl-isem Latin tagħhom, bħal Lumen gentium, Gaudium et spes, Dei Verbum, Humanae vitae, Familiaris consortio, eċċ.

5.     Fil-każ ta’ kull dokument tal-Maġisteru li hemm referenza għalih f’qiegħ il-paġna, ġiet inserita wkoll is-sena ta’ meta ħareġ, għall-benefiċċju ta’ min qiegħed jistudja sew it-test, jew jixtieq jara kif żviluppa l-mod kif ġie ppreżentat it-tagħlim tal-Knisja. Għalhekk id-data hija importanti.

6.     Il-mijiet kbar ta’ siltiet meħudin mill-Kelma ta’ Alla ġew iċċekkjati waħda waħda, kemm mil-lat tan-numri tar-referenzi (p.eż, Ġw 1,14; Ġen 3,14-19), kif ukoll mil-lat tat-test. Fi kliem ieħor, kull silta hija skont l-aħħar edizzjoni tal-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija.

7.     Fir-rigward ta’ siltiet mill-kitbiet tal-qaddisin, fejn dawn kienu diġà saru bil-Malti fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, ir-reviżuri ħadu ħsieb li jużaw dawn it-traduzzjonijiet, anke biex ikun hemm unità ta’ traduzzjoni, u mhux siltiet li jvarjaw tal-istess test miġjub għall-Malti, p.eż ta’ Santu Wistin, jew Santa Tereża ta’ Avila jew ta’ San Franġisk, eċċ. Dawn, bir-reqqa kollha, tfittxew u nstabu, u – mhux biss bi pjaċir, imma wkoll b’imħabba lejn l-ilsien Malti – sabu posthom fit-test tal-Katekiżmu, u b’noti f’qiegħ il-paġna li jirrikonoxxu l-għejjun Maltin minn fejn ittieħdu.

8.     L-indiċi tat-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti joffri progress notevoli fuq dak tal-1993. Mhux biss ġie iċċekkjat u ċerti żbalji ikkorreġuti, imma ħa ħsieb iżid dak li bi żvista kien tħalla barra. L-indiċi tal-Katekiżmu, kif diġà proġettat fl-1992, meta ħareġ, fih bosta taqsimiet: indiċi bibliku, indiċi ta’ referenzi għall-konċilji ekumeniċi, indiċi tad-dokumenti kollha pontifiċji ċitati fil-Katekiżmu, indiċi għar-referenzi kollha għal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika u l-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, indiċi għal testi kwotati mil-Liturġija, indiċi għas-Santi Padri u għal awturi ekkleżjastiċi u spiritwali, u fl-aħħarnett, indiċi tematiku – b’kollox, għalhekk, indiċi komplessiv ta’ madwar 90 paġna! Dan kollu ġie iċċekkjat u organizzat aħjar biex jgħin lill-qarrejja, jew lil min qiegħed ifittex informazzjoni dwar suġġett partikulari. Huwa għalhekk li l-indiċi tematiku huwa imprezzabbli.

9.     Bidla notevoli li saret fit-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu hi li l-Werrej (li qabel kien fi tmiem il-volum) inġieb fuq quddiem, kif aħna mdorrijin insibuh. Sar minn kollox biex ikun hemm konsistenza fl-użu ta’ tipi (tal-stampa) differenti biex jiddistingwu kategoriji differenti ta’ taqsimiet, sezzjonijiet u sotto-sezzjonijiet fil-Katekiżmu. Fih innifsu, il-Werrej huwa sommarju tas-suġġetti kollha li nsibu fil-Katekiżmu.

10.  Ġew iċċekkjati l-mijiet ta’ cross-references li hemm fil-ġenb ta’ kull paġna tal-Katekiżmu, u sar sforz biex kull referenza tkun kemm jista’ jkun fiżikament qrib (fuq il-paġna) tat-tema li dwarha wieħed jista’ jfittex f’paragrafu ieħor tal-ktieb. Dan kollu għall-benefiċċju tal-qarrej, tal-katekist, l-istudent jew ir-riċerkatur.

11.  Dettall importanti li għandi niġbed l-attenzjoni għalih huwa bidla żgħira, imma sinifikanti, fit-test Malti tal-Kredu tal-Appostli, jew kif inhu magħruf fostna, il-Kredu “l-qasir”. Fejn qabel, fil-ħames artiklu tal-Kredu konna nistqarru li Ġesù “niżel il-limbu”, issa din saret “niżel bejn l-imwiet”. Naturalment, dan sar bl-approvazzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija, wara li sar studju approfondit u ġew ikkonsultati bosta teoloġi ta’ esperjenza, kemm f’Malta kif ukoll barra. Dwar din il-bidla, qed jitħejja artiklu biex jidher, ma jdumx, f’din is-sensiela ppubblikata mill-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana.

12.  Fl-aħħarnett, id-dimensjonijiet fiżiċi tat-tieni edizzjoni tal-Katekiżmu bil-Malti huma iżgħar minn dawk tal-ewwel waħda. Għalkemm il-paġni żdiedu minn 756 paġna għal 1104 paġni, il-ħxuna tal-volum baqgħet l-istess, għax l-istampaturi – Asia Pacific Offset, f’Ħong Kong – użaw karta irqaq. Il-volum huwa preżentat b’mod pulit. Il-ħjata tal-legatura hija b’saħħitha u tiflaħ il-wear and tear.

Huwa ttamat li l-għatx li kien hawn fl-aħħar snin għall-Katekiżmu bil-Malti issa beda jinqata’. Huwa ttamat ukoll li dan l-għatx huwa sinjal ta’ xewqa akbar li ma nieqfu qatt nitgħallmu u napprezzaw it-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, jistqarr li l-katekeżi hija “t-tħabbira li twieġeb għall-għatx li hemm f’kull qalb umana għal dak li jibqa’ għal dejjem” (n.165).

 

Dun Hector Scerri

Novembru 2014

Creating Three-Parent Embryos

Listening to Sharon Bernardi, a mother who lost all seven of her children to mitochondrial disease, speaking on BBC News last week, you’d wonder what kind of monster could possibly oppose three-parent embryos. Who would actively wish suffering on a child, if disease could be prevented? Framed this way, it’s tough to be the person who stands up and says ‘no’ to mothers like Ms Bernardi. (Innutaw li dejjem jinġieb l-istess argument biex niġġustifikaw kollox – dak tal-ħniena).

Three parent babies can be created by a technique called mitochondrial replacement, in which defective mitochondrial DNA from the egg of one woman is replaced with the healthy mitochondrial DNA from another woman. The aim is to prevent children who might suffer from mitochondrial disease from being born. While children created by this technique would be free from disease they would be genetically related to three people: two mothers and a father.

Up until now, the procedure has been illegal: the Human Fertilisation and Embryology Act, which governs the use of reproductive technology in the UK, prohibits the creation and use of genetically modified embryos. However, a Government bill to change the Act and allow the procedure passed in the House of Commons this week by 382 to 128 votes. If the House of Lords, as expected, follows suit, the UK will be the first country to cross a legal and ethical line unilaterally observed by the international community.

International consensus holds that genetic engineering technology shouldn’t be used to manipulate the characteristics of future children. The human germline – egg and sperm cells that pass on genes from generation to generation – would be altered, irrevocably. Modifications made to mitochondrial DNA would be passed on to descendants.

Supporters of mitochondrial transfer say mitochondrial DNA is an insignificant part of the human genome, only affecting the way cells are powered rather than physical appearance. They say tampering with it will have no ill effects. In truth, scientists don’t know enough to be sure, as this geneticist explains in journal of science Nature: “Although proof of safety is, by definition, impossible in this situation, the evidence submitted up to now is far from reassuring.”

Sharon Bernardi says mitochondrial replacement technology “is trying to make children survive.” This is the standard line from officials, who say the technique will ‘save lives’. In actual fact, the technology does nothing to help children survive mitochondrial disease – it ensures that children who might have a disease to survive are never born in the first place. It only saves lives in the sense that it prevents life-threatening disease, which is not really ‘saving lives’ at all when you stop to think about it. When you stop to think about it, it’s eugenics. Yes, that practice aimed at improving the genetic quality of the human population, the one that got a bad rep thanks to the Nazis. Does the UK really want to be the first society since Nazi Germany to go down that road?

Mitochondrial replacement isn’t a treatment for mitochondrial disease and doesn’t do anything to help those already living with the disease. What it does do is offer a small number of women like Sharon Bernardi the chance to have healthy children who are genetically related to them.

It’s only natural to want one’s own children, but having a baby – let alone having a perfect baby – is not every woman’s right. How will future generations judge us if we become known as the society who allowed the human germline to be tampered with – to who knows what consequences – just so a minority of women could have perfect babies?

Dr Keynes is a writer and critic based in Cambridge, UK. This article was originally published at The Conservative Woman.

See more at: http://www.mercatornet.com/articles/view/creating_three_parent_embryos_is_eugenics#sthash.Ne8ulZAU.dpuf

 

L-Inkarnazzjoni fit-Tagħlim ta’ Papa Franġisku

Nisimgħu ħafna, fl-aħbarijiet, dwar dak li jkun qal Papa Franġisku fl-omeliji u l-udjenzi li huwa jagħti.  Ċerti soundbites tal-ġurnalisti dwar dak li jkun qal il-Papa saru spissi, u xi drabi, anke interpretati ħażin.  Spiss, l-aħbarijiet u l-midja diġitali jagħtu importanza dwar xi intervista li l-Papa jieħu sehem fiha meta l-ġurnalisti li jkun hemm miegħu fuq l-ajruplan – waqt wieħed mill-vjaġġi pastorali tiegħu – jistaqsuh dwar ħafna temi.  Dan l-aħħar, il-midja taw, kif kien mistenni, importanza għal dak li Papa Franġisku qal fiż-żjajjar ferm sinifikattivi fi Strasbourg (fejn indirizza l-istituzzjonijiet Ewropej) u ġewwa t-Turkija fejn huwa ltaqa’ mal-Patrijarka Bartilmew.

Naħseb li ftit huma dawk li japprezzaw biżżejjed it-tagħlim ta’ Papa Franġisku dwar il-misteru tal-Inkarnazzjoni.  Il-Maġisteru tiegħu sa issa dwar dan il-misteru li qed niċċelebrawh f’dawn il-jiem insibuh fl-Enċiklika Lumen Fidei u fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium.

L-ewwel enċiklika ta’ Papa Franġisku, Lumen Fidei (29 ta’ Ġunju 2013) hi dwar il-virtù teologali tal-fidi.  Imħejjija fuq l-abbozz li kien diġà ħadem fuqu Papa Benedittu xvi, qabel ma huwa ħalla l-Uffiċċju Petrin, Papa Franġisku jgħallimna dwar ir-rigal tal-fidi u kif aħna l-Insara msejħin ngħixuh fil-mixja spiritwali tagħna.  Dak iż-żmien konna qed niċċelebraw is-Sena tal-Fidi (2012-2013).

Il-Papa jirreferi għall-Prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann meta jistqarr li “Ġesù… jiġi quddiemna bħala dak li jfissrilna lil Alla (ara Ġw 1,18).  Il-ħajja ta’ Kristu – il-mod kif hu jagħraf il-Missier, kif jgħix b’mod sħiħ ir-rabta miegħu – tiftaħ spazju ġdid għall-esperjenza tal-bniedem u aħna nistgħu nidħlu fiha” (n. 18).  F’rabta mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan ii f’Gaudium et Spes, n. 22, u mal-Maġisteru tal-Papiet li ġew qablu, Papa Bergoglio jisħaq fuq il-kobor tal-verità li aħna l-bnedmin nidħlu f’relazzjoni speċjali ma’ Alla permezz tal-Inkarnazzjoni.  Kemm hu qawwi u sabiħ il-kliem tal-Papa meta jfakkarna li “l-Iben ta’ Alla ħa ġisem bħal tagħna, u hekk il-viżjoni tiegħu tal-Missier seħħet ukoll b’mod uman, permezz ta’ mixja u triq fiż-żmien.  Il-fidi Nisranija hija fidi fl-Inkarnazzjoni tal-Verb u fil-Qawmien tiegħu fil-ġisem” (n. 18)!

Il-Papa jgħallimna kemm l-Iben ta’ Alla tqarreb lejna meta sar bniedem bħalna.  Seħibna miegħu: “bl-Inkarnazzjoni u l-Qawmien tiegħu, l-Iben ta’ Alla ħaddan il-mixja sħiħa tal-bniedem… il-fidi taf li Alla resaq ħafna qrib tagħna” (n. 20).  Aktar ’l isfel fl-Enċiklika tiegħu Lumen Fidei, Papa Franġisku jisħaq fuq il-verbi tara, tisma’ u temmen, ilkoll ċentrali fl-Evanġelju skont San Ġwann.  Nistgħu naraw lill-Iben u nisimgħuh għax sar bniedem tassew.  Il-Papa jikteb: “Kif naslu għal din is-sinteżi bejn is-smigħ u li tara?  Din issir possibbli jekk nitilqu mill-persuna konkreta ta’ Ġesù, li narawh u nisimgħuh.  Huwa l-Kelma magħmula bniedem, li tiegħu rajna l-glorja (ara Ġw 1,14).  Id-dawl tal-fidi hu dak ta’ Wiċċ li fih jidher il-Missier” (n. 30).

Din ir-riflessjoni personali tal-Iben ta’ Alla magħna l-bnedmin tispikka minħabba l-verità li “nintmessu f’qalbna” (n. 31) minnu.  Dan huwa Alla tagħna li hu l-Għimmanu-El, Alla-magħna, u Alla-għalina l-bnedmin.  Il-Papa jfakkarna li “hekk deher Alla personali tal-Bibbja, kapaċi jkellem lill-bniedem, li jinżel jgħix miegħu u jsieħeb il-mixja tiegħu fl-istorja” (n. 33).  Papa Franġisku jisħaq mill-ġdid dwar il-“konkretezza” tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni meta jirreferi għat-tagħlim ta’ Sant’Irinew kontra l-Injostiċi ta’ żmienu.  Il-Papa jenfasizza l-verità li l-Iben ta’ Alla tassew sar bniedem bħalna f’mument storiku partikulari: “Sant’Irinew… jgħid li l-fidi hi waħda, għax dejjem tgħaddi mill-punt konkret tal-Inkarnazzjoni, mingħajr ma tmur lil hinn mill-ġisem u l-istorja ta’ Kristu, mill-waqt li Alla ried juri ruħu bis-sħiħ fiha” (n. 47).

Lejn tmiem l-Enċiklika, il-Papa jirrifletti dwar ir-rwol ta’ Marija fil-ħajja ta’ Binha, u l-fidi li hija wriet fil-Misteri tiegħu.  Jitkellem dwar il-maternità vera ta’ Marija li, għalhekk, “assigurat għall-Iben ta’ Alla storja umana vera, ġisem veru li fih hu jmut fuq is-salib u jqum mill-imwiet” (n. 59).

Ftit aktar minn sena ilu, Papa Franġisku, fl-għeluq tas-Sena tal-Fidi, ippubblika l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013).  Dan id-dokument tal-Maġisteru Pontifiċju jittratta s-sejħa tagħna l-imgħammdin li nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, nisimgħuha, u nħalluha tibdilna mill-qiegħ, biex imbagħad, inkunu “Knisja li toħroġ” li tilħaq il-bnedmin kollha, l-aktar dawk li jinsabu fil-periferija eżistenzjali ta’ żminijietna.  Din l-Eżortazzjoni toffri sfida lil kull wieħed u waħda minna – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – biex kuljum nagħrfu r-responsabilità tagħna li nkunu missjunarji ħabrieka u kreattivi fid-dinja tallum.

Dwar l-Inkarnazzjoni, insibu xi siltiet sbieħ li jkomplu jimlew ’il qlubna f’dan iż-żmien li jwassalna għall-Milied u ċ-ċelebrazzjoni tiegħu.  Meta jitħaddet dwar ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej Ġesù u kif din ir-rabta ssebbaħ u tagħni r-relazzjonijiet ma’ ħutna l-bnedmin, Papa Franġisku jikkritika ’l dawk li llum “jixtiequ Kristu purament spiritwali, bla laħam u bla salib”.  Huwa jgħallimna li “l-fidi awtentika fl-Iben ta’ Alla magħmul laħam ma nistgħux nifirduha mid-don tagħna nfusna, mill-appartenenza għall-komunità, mis-servizz… l-Iben ta’ Alla, fl-Inkarnazzjoni tiegħu, stedinna għar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa” (n. 88).  Hawnhekk qegħdin naraw kif il-Papa qed jorbot il-kobor tal-Misteru tal-Verb Inkarnat mar-realtà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Huwa jistedinna biex dan il-Misteru jagħmel minna ħabbara awtentiċi tat-tjubija u l-ħniena ta’ Alla.

Imnebbaħ mill-ispiritwalità Injazjana li huwa jħaddan bħala Ġiżwita, Papa Franġisku jorbot flimkien l-istqarrija tal-fidi u l-impenn soċjali.  Dan huwa aspett importanti għall-Insara ta’ kull żmien – il-kumplimentarjetà bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni.  Huwa jikteb: “nistqarru li l-Iben ta’ Alla ħa l-laħam tal-ġisem tagħna ta’ bnedmin ifisser li kull bniedem ġie mgħolli għall-istess qalb ta’ Alla” (n. 178).  Din il-verità kbira tgħabbina bir-responsabilità li aħna li nagħmlu esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, inwasslu din l-imħabba fis-soċjetà tallum u fl-istrutturi tagħha.  In-Nisrani, hekk ikun melħ, dawl u ħmira fid-dinja sekularizzata tallum.

Fl-aħħarnett, Papa Franġisku jisħaq mill-ġdid dwar ir-relevanza tal-Inkarnazzjoni fir-relazzjonijiet soċjali tagħna, u kif dal-misteru llum ukoll irid ikun inkulturat: “il-kriterju tar-realtà, ta’ Kelma li diġà tlaħħmet u li dejjem tfittex li titlaħħam, hu essenzjali għall-evanġelizzazzjoni” (n. 233).  Il-Verb ta’ Alla sar bniedem għalina l-bnedmin f’kull żmien, post, kultura u sitwazzjoni.

Dawn ir-riflessjonijiet juruna l-attwalità tat-tagħlim ta’ Papa Franġisku, anke dwar il-Misteru tal-Inkarnazzjoni.  Jalla dan il-kliem tal-Vigarju ta’ Kristu nixtarruh, napprezzawh, ngħixuh u nwassluh lil dawk li niltaqgħu magħhom.

 

Dun Hector Scerri

Diċembru 2014

Il-Misteru tal-Fidwa fil-Maġisteru ta’ Papa Franġisku

Issa li wasalna biex niċċelebraw il-jiem qaddisa tal-Ġimgħa l-Kbira u t-Tridu tal-Għid il-Kbir jixraq li nirriflettu dwar il-Misteru tal-Fidwa f’dak li għallem il-Papa. B’dan il-mod, permezz ta’ żewġ artikli, inkunu tajna ħarsa tajba lejn il-Kristoloġija fit-tagħlim li tana sa issa l-Papa preżenti.

Fl-enċiklika Lumen Fidei (29 ta’ Ġunju 2013), il-Papa jfakkarna fiċ-ċentralità tal-Misteru tal-Fidwa għall-fidi Nisranija: “Il-fidi Nisranija hija ċċentrata fi Kristu, hi stqarrija li Ġesù hu l-Mulej u li Alla qajmu mill-imwiet” (n.15). Huwa jkompli jurina kemm hija prezzjuża din l-offerta sħiħa li għamel l-Iben ta’ Alla b’risq il-bnedmin kollha, mingħajr ebda eċċezzjoni. Huwa jagħfas ukoll fuq l-affidabbiltà ta’ din l-offerta kollha mħabba li hi l-kenosis tiegħu: “L-akbar prova tal-affidabbiltà tal-imħabba ta’ Kristu tinsab fil-mewt tiegħu għall-bniedem. Jekk l-għotja tal-ħajja għall-ħbieb hi l-akbar prova ta’ mħabba, Ġesù offra ħajtu għal kulħadd, anki għal dawk li kienu għedewwa, biex ibiddel il-qalb tagħhom. Dan hu għaliex l-Evanġelisti qiegħdu fis-siegħa tas-Salib l-aqwa waqt tal-ħarsa tal-fidi, għaliex f’dik is-siegħa jiddi l-għoli u l-wisa’ tal-imħabba ta’ Alla” (n.16). Permezz ta’ dan il-kliem ferm evokattiv li qed jgħaddilna l-Papa, nistgħu nidħlu aktar fil-fond tal-meditazzjoni tagħna fuq is-Salib u l-Qawmien, u nistqarru bla tlaqliq: ‘Kemm iħobbni l-Mulej! Għamel dan kollu għalija! Sal-aħħar qatra ta’ demmu… Din xerridha għaliha!’

Papa Franġisku jisħaq fuq ir-rabta bejn il-ġrajja mdemmija li seħħet fuq il-Golgota u dak li seħħ fit-tielet jum, meta Ġesù qam rebbieħ fuq il-mewt. Huwa jerġa jagħfas fuq il-kunċett tal-affidabbiltà. Fil-fatt, ftit wara l-aħħar silta li ħadna mill-enċiklika Lumen Fidei, huwa jkompli hekk: “Issa, il-mewt ta’ Kristu tikxef l-affidabbiltà sħiħa tal-imħabba ta’ Alla fid-dawl tal-Qawmien tiegħu. Bħala rxoxt, Kristu huwa x-xhud li tista’ tafdah, li tistħoqqlu l-fidi, appoġġ sod għall-fidi tagħna. ‘Jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom’ (1 Kor 15:17). Jekk l-imħabba tal-Missier ma qajmitx lil Ġesù mill-mewt, kieku ma setax jerġa’ jagħti l-ħajja lil ġismu, din ma kinitx tkun imħabba affidabbli bis-sħiħ, bil-ħila li ddawwal saħansitra d-dlamijiet tal-mewt” (n.17). Kif konna rajna fil-aħħar ħarġa nru 30 ta’ din is-sensiela mill-Kummissjoni Teoloġika, hawn tidher ċara (ħierġa minn wara l-kwinti) l-pinna teoloġika tal-Papa Benedittu XVI li qabel ir-riżenja tiegħu fi Frar ta’ sentejn ilu kien diġà ħejja ħafna materjal għal enċiklika dwar il-fidi, fil-kuntest taċ-ċelebrazzjoni tas-Sena tal-Fidi (Ottubru 2012 – Novembru 2013). Mhux biss jidher il-ħsieb profond ta’ Papa Ratzinger, imma wkoll jinħass l-eku tat-teologu kbir Hans Urs von Balthasar (1905-1988) u l-ktieb tiegħu Mysterium Paschale.

Iċ-ċentralità ta’ Ġesù Kristu li tispikka fil-kitbiet kollha tat-teologu Joseph Ratzinger u, aktar tard, fil-Maġisteru tiegħu bħala Papa, hija ċara daqs il-kristall fl-enċiklika Lumen Fidei. L’evento Cristo hija ġrajja li biddlet l-istorja tal-umanità għax hija esperjenza ta’ akkumpanjament, avviċinament u trasformazzjoni. Papa Franġisku jikteb hekk, fl-enċiklika tiegħu: “Kristu niżel fuq l-art u qam mill-imwiet; bl-Inkarnazzjoni u l-Qawmien tiegħu, l-Iben ta’ Alla ħaddan il-mixja sħiħa tal-bniedem u jgħammar fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu. Il-fidi taf li Alla resaq ħafna qrib tagħna, li Kristu ngħatalna bħala don kbir li jbiddilna minn ġewwa…” (n.20).

F’paragrafu 30 tal-enċiklika Lumen Fidei, il-Papa jieqaf fuq it-terminoloġija ġovannea marbuta mal-fidi fl-Iben ta’ Alla: il-verbi ra, sama’, emmen. Hawnhekk huwa jirreferi għall-esperjenzi tad-dixxipli tal-Mulej wara l-qawmien: dak li għadda minnu d-dixxiplu li Ġesù kien iħobb, u dak li għaddiet minnu Marija ta’ Magdala “li issa rat lil Ġesù u riedet iżżommu, iżda ingħatatilha l-istedina li tikkontemplah fil-mixja tiegħu lejn il-Missier; sal-istqarrija sħiħa tal-istess Maddalena quddiem id-dixxipli: ‘Rajt lill-Mulej’”.

It-tieni dokument importanti tal-Maġisteru Petrin ta’ Papa Franġisku kien ippubblikat fl-għeluq tas-Sena tal-Fidi – l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013). Hawnhekk ukoll niltaqgħu ma’ xi referenzi għall-Misteru tal-Fidwa. Meta l-Papa jitkellem dwar id-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni u l-effetti komunitarji u soċjali tal-kerygma, huwa jfisser ir-rabta bejn il-fidwa li ġabilna l-Iben ta’ Alla u l-fidwa tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Jikteb hekk: “Nistqarru li l-Iben ta’ Alla ħa l-laħam tal-ġisem tagħna l-bnedmin: dan ifisser li kull bniedem ġie mgħolli għall-istess qalb ta’ Alla. Jekk nistqarru li Ġesù xerred demmu għalina, dan iżommna milli jkollna l-iċken dubju dwar l-imħabba bla tarf li tgħolli lil kull bniedem. Il-fidwa tiegħu għandha tifsira soċjali għax ‘fi Kristu, Alla mhux biss jifdi lil kull persuna, imma anke r-relazzjonijiet soċjali bejn il-bnedmin’” (n.178).

Papa Franġisku jpoġġi lil Ġesù bħala l-mudell għalina li nevanġelizzaw lill-poplu billi nkunu qrib tal-bnedmin, f’kull sitwazzjoni li huma jinsabu fiha. Wara li huwa jagħti għadd ta’ eżempji dwar kemm Ġesù kien qrib in-nies, il-Papa jfakkarna li “meta Ġesù jingħata fuq is-salib, dan mhux għajr il-qofol ta’ dan l-istil li mmarka l-ħajja kollha tiegħu. Imsaħħhra minn dan il-mudell, irridu nidħlu fil-qalba tas-soċjetà, naqsmu l-ħajja ma’ kulħadd, nisimgħu l-inkwiet tagħhom, ngħinuhom materjalment u spiritwalment fil-ħtiġijiet tagħhom…” (n.269). Kemm-il darba, anke fl-omeliji u l-messaġġi tiegħu, il-Papa preżenti jħobb isemmi l-ġrieħi tal-Mulej, bħalma għamel fil-kanonizzazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II, f’April ta’ sena ilu. Huwa jistqarr li xi kultant jista’ jkollna t-tendenza u t-tentazzjoni li nżommu “distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej” (n.270). Huwa jħeġġeġ lilna biex ma nfittxux il-kumdità, imma nkunu qrib tal-bniedem li qiegħed ibati llum.

Quddiem il-qtigħ il-qalb li xi kultant jaħkem il-Poplu Nisrani u l-ministri tiegħu, jeħtieġ li niftakru kontinwament fil-forza rebbieħa ta’ Kristu Rxoxt li “hu mimli bil-qawwa u s-setgħa”. Il-Papa jfakkar fl-esperjenza tal-ewwel dixxipli, u kif il-Mulej kien magħhom fil-predikazzjoni tal-bidu. Huwa jistqarr li “dan iseħħ illum ukoll. Aħna mistiedna niskopruh, ngħixuh. Kristu Rxoxt u glorjuż hu l-għajn qawwija tat-tama tagħna, u mhix se tonqosna l-għajnuna tiegħu biex inwettqu l-missjoni li hu jafdalna f’idejna” (n.275).

Il-kliem tal-Papa jagħmlilna ħafna kuraġġ ukoll meta, b’konvinzjoni ħajja, huwa jgħid li l-Qawmien ta’ Ġesù mhux ġrajja tal-imgħoddi. Illum stess aħna għadna ngawdu minn dik il-ġrajja straordinarja li tittraxxendi ż-żmien u l-ispazju ġeografiku: “Il-qawmien tiegħu mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet fid-dinja. Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx bħalha” (n.276). Dan kollu jfisser, kif ikompli jgħallimna Papa Franġisku, li nibqgħu konvinti li “hu tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l-ħila jidħol b’mod misterjuż fil-ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħedna… li għadu miexi rebbieħ fl-istorja flimkien ma’ ‘dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili’” (n.278).

Meta naqraw u nixtarru l-Maġisteru Petrin ta’ Papa Franġisku dwar il-Misteru tal-Fidwa, nagħmlu ħafna kuraġġ li jagħtina stimolu biex inwasslu l-ferħ tal-Aħbar it-Tajba kulfejn inkun. Mhux biss, imma dak li hu għallimna permezz ta’ Lumen Fidei u ta’ Evangelii Gaudium ifakkarna biex minn dak li niċċelebraw b’devozzjoni u b’mod attiv fil-liturġija għandna naslu biex inxandru l-attwalità perenni u l-freskezza dejjem tbaqbaq tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja li fiha ngħixu llum, anke jekk din spiss tkun aljenata u truxa għal din l-Aħbar.

Dun Hector Scerri

Marzu 2015

Aim of marriage prep course

Kors ta’ Kana 2015

Aim of marriage prep course

Moviment ta’ Kana

Kors ta’ Tħejjija għas-Sagrament taż-Żwieġ

Parroċċa Santa Marija, Birkirkara

Ottubru – Diċembru 2015

 

Il-Ħamis 8 t’Ottubru                          L-1 laqgħa: Insiru nafu ’l xulxin

Il-Ħamis 15 t’Ottubru                        It-2 laqgħa: Komunikazzjoni effettiva

Il-Ħamis 22 t’Ottubru                        It-3 laqgħa: Konflitti u kif insolvuhom

Il-Ħamis 29 t’Ottubru                        Ir-4 laqgħa: L-impenn

Il-Ħamis 5 ta’ Novembru                   Il-5 laqgħa: Is-sesswalita tagħna

Il-Ħamis 12 ta’ Novembru                 Is-6 laqgħa: Ġenituri responsabli

Il-Ħamis 19 ta’ Novembru                 Is-7 laqgħa: Is-Sagrament taż-Żwieg

Il-Ħamis 26 ta’ Novembru                 It-8 laqgħa: Deċiżjonijiet finanzjarji sostenibli

Il-Ħamis 3 ta’ Dicembru                    Id-9 laqgħa: Fil-ħajja ta’ kuljum

Il-Ħamis 10 ta’ Dicembru                  L-10 laqgħa: Aħna u l-ġenituri tagħna

Il-laqgħat isiru fiċ-ċentru parrokkjali. Jibdew fis-7.30p.m. u jispiccaw fid-9.30p.m. Importanti ħafna li tattendu għal-laqgħat kollha u tkunu fil-ħin.

 

marriage_prep

 

Marzu 2015

Fil-Vanġelu ta’ San Mark, l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lid-dinja u l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, jibda b’dan il-kliem: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1, 15). Bid-dehra ta’ Ġesù fid-dinja beda żmien ġdid, iż-żmien tal-grazzja u tas-salvazzjoni.

L-ewwel kliem ta’ Ġesù huwa stedina biex nilqgħu bil-qalb din l-aħbar ġdida, li hija r-realtà nnifisha tas-Saltna t’Alla li hu qed iwassal lil kulħadd. Ġesù mill-ewwel jurina t-triq: din hi li nikkonvertu u nemmnu fil-Vanġelu, jiġifieri li nibdlu ħajjitna mill-qiegħ u naċċettaw il-Kelma t’Alla li permezz ta’ Ġesù tasal għand il-bnedmin kollha ta’ kull żmien.

Il-konverżjoni u l-fidi huma żewġ affarijiet li jmorru flimkien: m’hemmx waħda mingħajr l-oħra; imma kull waħda tinbet fina meta niġu f’kuntatt mal-Kelma t’Alla li hi ħajja, mal-preżenza ta’ Ġesù li llum ukoll itenni lill-folol: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Meta aħna nilqgħu l-Kelma t’Alla u ngħixuha, hi ġġib bidla fil-mod kif naħsbu, jiġifieri konverżjoni. Hi timla l-qalb ta’ kulħadd bis-sentimenti ta’ Kristu quddiem iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, kemm fil-bniedem singolu kif ukoll fis-soċjetà.

Imma l-Vanġelu kif jista’ jagħmel il-miraklu u jibdilna mill-qiegħ, jagħtina fidi ġdida mimlija dawl? Is-sigriet qiegħed fil-misteru li jinsab fi kliem Ġesù. Kliemu mhuwiex sempliċement sett ta’ direttivi jew ordnijiet. Fil-Kelma ta’ Ġesù nsibu lilU nnifsu jkellimna. Kliemu hu Ġesù nnifsu, l-istess persuna tiegħu.

Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù f’Kelmtu. Meta nilqgħuha f’qalbna, kif Hu jridna nagħmlu (jiġifieri meta nkunu lesti li ngħixuha fil-ħajja tagħna) aħna nsiru ħaġa waħda miegħu u Hu jitwieled jew jikber fina. Hu għalhekk li kull wieħed minna jista’ u għandu jilqa’ din l-istedina ta’ Ġesù: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Jista’ jkun hemm min jaħseb li l-Kliem tal-Vanġelu hu għoli u tqil wisq, li hu wisq’il bogħod mill-mod kif is-soltu ngħixu u naħsbu, u għalhekk jitħajjar ma jisimgħux, jew inkella jaqta’ qalbu. Imma dan kollu jiġri jekk naħsbu li l-muntanja tan-nuqqas ta’ fidi rridu nċaqalquha waħedna. Fil-verita huwa biżżejjed li nagħmlu ħilitna u ngħixu Kelma waħda biss mill Vanġelu biex fiha nsibu għajnuna kbira u forza unika, dawl għall-passi tagħna.

Il-Kelma ta’ Alla, li fiha hemm Alla, meta ngħixuha tagħmilna nies ħielsa, issaffina, tibdilna, iġġibilna l-faraġ u l-ferħ, tagħtina l-għerf. Kemm tista’ tkun ta’ dawl għalina din il-Kelma matul il-ġurnata! Kull darba li nħabbtu wiċċna man-nuqqasijiet tagħna jew tal-oħrajn, kull meta jidhrilna li ma jistax ikun li timxi wara Ġesù, kull darba li d-diffikultajiet iħajruna naqtgħu qalbna,  il-Kelma ta’ Alla tista’ tkun għalina mezz li bih nagħmlu l-qalb u nitħeġġu mill-ġdid.

Il-Kelma ta’ Alla titlob minna li noħorġu mill-għeluq tagħna u ninfetħu għal Alla, biex b’hekk inħossu ħajja oħra titwieled fina, il-ħajja vera. Jekk imbagħad naqsmu din l-esperjenza ma’ xi ħabib tagħna, li hu wkoll ikun għażel li jgħix il-Vanġelu bħala r-regola ta’ ħajtu, madwarna naraw tikber il-komunità nisranija. Għax meta ngħixu l-Kelma t’Alla u naqsmuha ma’ ħaddieħor iseħħ miraklu: meta ng]ixuha, l-Kelma ta’ Alla tagħti bidu għall-komunità, komunità li tkun il-ħmira u l-melħ għas-soċjetà, u li tagħti xhieda għal Kristu kullimkien.

Fr Lino

 

Frar 2015

Flimkien mal-Knisja kollha, dan ix-xahar nibdew ngħixu r-Randan Imqaddes. Dan huwa żmien li fih, aktar mis-soltu, nirriflettu dwar il-ħajja nisranija tagħna. Ta’ spiss, aħna naħsbu li nafu lil Ġesu, iżda fil-verita’ ma nafuhx: naħsbu li nkunu mexjin warajh, imma nkunu mexjin wara l-ideat u l-gosti tagħna. Għalhekk il-Vanġelu l-ħin kollu jġegħelna nistaqsu: Min hu Ġesu? Min hu d-dixxiplu ta’ Ġesu?

Ir-Randan irid jgħinna neżaminaw il-fidi tagħna: kemm għandna fidi awtentika; kemm hi koerenti mal-Vanġelu; kemm tassew ħarġitna mill-allat foloz tagħna; u fuq kollox, kemm il-fidi tagħna  qed titfagħna f’mixja sal-aħħar wara Ġesu. San Pawl kellu l-kuraġġ jgħid: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet… Waqt li ninsa ‘l ta’ warajja kollu niġri l-quddiem…“ (Fil 3, 10-14).

Fil-bidu tal-Vanġelu naqraw il-Kliem ta’ Alla l-Missier fuq Ibnu Ġesu: “Dan hu Ibni l-għażiż” (Mk 1, 11). Lejn l-aħħar tal-Vanġelu nsibu ċ-ċenturjun pagan li jistqarr: “Dan il-bniedem kien tassew l-Iben ta’ Alla” (Mk 15, 39). Bejn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet hemm il-missjoni ta’ Ġesu u t-triq iebsa tas-salib. Din hija t-triq li jrid jimxi kull dixxiplu li jieħu ‘l Ġesu bis-serjeta.

Matul ir-Randan inħallu lil Ġesu jaqlagħna mis-sigurtajiet foloz tagħna. Ġesu jkeċċi l-bejjiegħa u jsaffi t-tempju tiegħu, li hu aħna. Ġesu jrid jgħinna nkeċċu minna dak kollu li jagħmel mir-reliġjon u l-ħajja tagħna “suq”, biex nibnuha biss fuqu.

Ir-Randan iħeġġiġna biex inġeddu l-għażla tagħna favur Ġesu u l-Kelma tiegħu. Irridu nżommu ħarsitna fuq it-Tempju l-Ġdid ta’ Alla jiddi bl-imħabba tiegħu, il-Ġisem ta’ Kristu Msallab. “Kif Mose refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 14-16).

Ir-Randan għandu jwassalna biex nifhmu t-tifsira tal-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24).

Nistedinkom ngħixu dan ir-Randan b’ħafna mħabba lejn Ġesu u lejn il-Kelma tiegħu u nfittxu li nagħmluha fil-ħajja tagħna.

Fr Lino

 

Jannar 2015

Meta nitkellmu fuq il-fidi, inkunu qed nitkellmu dwar dak l-att ta’ twemmin u fiduċja li jgħaddi bejn min jemmen u Alla. Biex inkunu nistgħu nemmnu aktar fih, Alla tana żewġ doni speċjali lilna l-bnedmin. L-ewwel, aħna għandna l-qawwa li mmorru lil hinn mill-affarijiet li naraw b’għajnejna u nisimgħu b’widnejna biex nemmnu f’affarijiet oħra. It-tieni, Alla wera lilu nnifsu lill-bniedem. Alla ried li aħna nsiru nafu aktar.

Marbuta ma’ dawn iż-żewġ doni speċjali li Alla tana, il-fidi nisranija tagħna tagħmlilna żewġ sejħat kbar. L-ewwel, għandna bżonn ninqatgħu ftit mill-affarijiet materjali biex moħħna jaħseb aktar fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla. Alla jrid li nagħtu aktar attenzjoni lill-ħwejjeġ li rrivelalna Hu, l-aktar f’Ġesu, biex inħalluhom imexxulna ħajjitna. Hemm bżonn nagħtu aktar ħin lil Alla u lill-Kelma tiegħu.

It-tieni, hemm bżonn li tikber fina x-xewqa li nsiru nafu lil Alla aħjar. Hemm bżonn li nkunu nafu l-fidi tagħna aħjar. Il-bniedem ta’ fidi huwa dak il-bniedem li ma jistenniex iċ-ċirkustanzi bħal mard u mewt fil-qrib jipprovdulu l-ispazju biex jaħseb fuq Alla, iżda jfittex li jħalli spazju biex isir jaf lil Alla hu stess fil-ħajja ta’ kuljum. Alla l-Imbierek ġabar dak kollu li kellu jgħidilna fil-persuna ta’ Ġesu. Hemm bżonn li naqraw x’għamel u x’qal Ġesu l-aktar fil-Vanġeli. Fil-Vanġeli nsibu kliem Ġesu, il-Kelma ta’ Alla għalina.

Ġesu ħallielna komunita biex fiha nimxu flimkien warajh; din hija l-Knisja. Hemm bżonn li nkunu preżenti aktar fil-komunita nisranija u nipparteċipaw aktar fil-ħajja tal-Knisja. Ġesu tana wkoll l-Ewkaristija. Il-grazzji li nieħdu mill-Quddiesa ma nistgħu neħduhom minn imkien ieħor.

Kulma rridu nagħtu lil Alla huwa biss il-ħin u l-attenzjoni; il-kumplament lest li jagħtihulna Hu. Din hi l-fidi nisranija tagħna. Il-fidi, għax ġejja minn Alla, ma jista’ jegħlibha xejn u tagħmel fina ħwejjeġ kbar, jekk ngħixuha bis-serjeta.

Fr Lino